Sur Speaker
Ilna nieħdu sehem fil-proġett tal-EkoSkola sa mill-2006. Matul dawn is-snin kemm aħna kif ukoll il-familja tagħna tgħallimna dwar l-importanza li tieħu ħsieb affarijiet bħall-arja u l-ilma tax-xorb.  Dawn neħduhom ‘for granted’ u naħsbu li mhu se jispiċċaw qatt.  Jekk nibqgħu naħsbu hekk, inkunu qisna qed inqegħdu n-nar fejn il-porvli. L-EkoSkola tedukana biex nidraw nibżgħu għall-ambjent għal ġid tagħna stess.
Dan kien l-ħsieb wara l-proġett HSBC-Eco-Schools Climate Initiative li sar mill-kumitat tal-EkoSkola fil-paroċċa tax-Xewkija: dak li nwasslu dan il-messaġġ lill-komunità kollha tax-Xewkija u mhux biss lil dawk li jattendu fl-iskola primarja tax-Xewkija.
Il-proġett kien jinvolvi li qabel il-quddies tal-Ħadd nitilgħu fuq l-artal u minn hemm, inkellmu lin-nies miġbura dwar suġġett partikolari. Dan għamilnieh fi tliet ħdud differenti fuq medda ta’ xahrejn. Is-suġġetti kienu dwar l-enerġija nadifa, dwar l-arja u dwar it-transport. Tellajna ukoll esebizzjoni b’mudelli ta’ kif wieħed jista’ jieħu l-enerġija minn sorsi nodfa. Żewwaqna dan kollu b’xi powerpoint. L-għan ta’ dan kien li nwasslu l-messaġġ tagħna kemm jista’ jkun fil-qosor u preċiż.
Konna niddiskutu x’se ngħidu waqt il-laqgħa li nagħmlu fit-8 ta’ filgħodu qabel nibdew l-iskola u nqassmu x-xogħol. Dak inhar li nkunu se nitkellmu konna nitqassmu. Il-messaġġ tagħna konna nwassluh lil madwar seba’ mitt persuna kull darba.
F’dawn it-tliet ħdud fil-paroċċa tax-Xewkija tgħallimna li aktar ma nitkellmu fil-qasir aktar il-messaġġ jasal ċar. B’hekk illum għamilna l-istess:  u filwaqt li nirringrazzjaw lil dawk kollha li għenuna nwettqu din il-ħolma tagħna, nittamaw li għas-sena d-dieħla nkunu nistgħu nkomplu dan il-proġett.