Onorevoli Ministru u sħabi membri fil-kumitati diversi ta’ l-EkoSkola mxerrdin fl-iskejjel Għawdxin:
Nixtieq naqsam magħkom xi proġetti li qed naħdmu fuqhom fl-iskola tagħna li tinsab fir-raħal tax-Xewkija u li tagħmel parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex. Dan il-proġett ilu jitħaddem fl-iskola tagħna għal dawn l-aħħar tliet snin.
Ħafna minn dawn l-inizjattivi jinsabu fil-pjan ta’ tagħlim ta’ l-iskola tagħna għal din is-sena u dan kien maħdum wara kwestjonarju li għamilna fost it-tfal u l-kumitat.
Qed inkomplu nirriċiklaw il-karti, il-plastic, il-batteriji, il-compost u issa bdejna niġbru l-mobile phones antiki. Dan l-aħħar għamilna attivita mal-Kunsill Lokali tax-Xewkija fejn ġie jżurna Green Gary u f’temp ta’ xahar ġbarna aktar minn 600 kilogram ta’ materjal riċiklabbli. Kellu biċċa xogħol meta ġie tat-truck biex jiġborhom. Kemm ħadna gost inwaddbu l-ixkejjer għal ġot-truck!
Qed inkomplu noħorġu r-rivista ta’ l-Eko-Skola li semmejnieha ‘Green Gossip’
Qed noqogħdu attenti biex ma naħlux dawl u ilma bla bżonn biex hekk l-uffiċċju ta’ l-edukazzjoni f’Għawdex ikollu inqas xi jħallas f’kontijiet u nnaqsu ukoll t-tniggiz ta’ l-arja. Fil-fatt, se nibdew nikkalkolaw l-Carbon Footprint ta’ l-iskola tagħna bi programm speċjali maħdum minn ta’ l-Eko-Skola.
Dawn huma xi proġetti li qed inwettqu bl-ghajnuna ta’ l-għalliema, ġenituri u tfal sħabna. Nispiċċa billi nħeġġiġkom biex tisimgħu l-programm ‘Biżżejjed għal Kulħadd’ fuq radju RTK. Fih inkun hemm ħafna tagħrif dwar kif int u jien nistgħu nagħmlu l-parti ċkejkna tagħna biex ikollna dinja aktar b’saħħitha, ikollna Għawdex aktar b’saħħtu u Kulleġġ tal-meravilji. B’hekk inkunu wasalna għall-mira tagħna ta’ Eko-Għawdex.
Grazzi Onorevoli Ministru u persuni distinti li tajtuna c-chance biex tisimgħu leħinna.
No comments:
Post a Comment