IPPUBBLIKAT IR-RAPPORT TAL-ESPERTI DWAR APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-ĠBID TA’ FILMS F’ŻONI SENSITTIVI
F’Novembru 2010, is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco kkumissjona żewġ esperti legali, il-Prof. Kevin Aquilina u Dr. Simone Borg li t-tnejn ħadmu, għamlu riċerka u huma lecturers fis-suġġett tal-liġi ambjentali u tal-ippjanar tal-iżvilupp. Iż-żewġ esperti ntalbu jeżaminaw il-proċess adottat mill-MEPA biex tevalwa applikazzjonijiet għal ġbid ta’ films f’żoni sensittivi.
Il-Gvern inkariga lil dawn iż-żewġ esperti biex fid-dawl tal-inċident li seħħ fid-Dwejra Għawdex, jeżaminaw il-proċess li qed jintuża mill-MEPA. Huma ntalbu wkoll jipproponu tibdil sabiex dan il-proċess jissaħħaħ fl-interess tal-ħarsien tal-wirt storiku u naturali ta’ pajjiżna. Il-Gvern illum qed jippublika dan ir-rapport.
Ir-rapport mill-esperti tħejja wara serje ta’ laqgħat mad-Direttur għall-Protezzjoni tal-Ambjent, id-Direttur għall-Ippjanar, il-Kummissarju tal-Film u mal-għaqdiet ambjentali. L-esperti sabu li l-kundizzjonijiet inklużi fil-permess għall-ġbid ta’ xeni tal-film Game of Thrones, fid-Dwejra kienu suffiċjenti u adekwati. Jirrikonoxxu li l-uffiċjali tal-MEPA ma jistgħux ikunu preżenti biex jispezzjonaw kull żvilupp anke jekk ikun inħareġ permess u għalhekk jipproponu li l-kumpaniji lokali tal-films jibdew jaħtru rappreżentant li jkun responsabbli għall-osservanza tal-permess u tal-liġijiet applikabbli. L-esperti jżidu li hemm lok għal titjib fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet mill-industrija tal-films. Jinnotaw però, li dawn l-applikazzjonijiet għandhom jibqgħu jiġu pproċessati b’effiċjenza minħabba l-benefiċċju ekonomiku li pajjiżna jieħu mill-industrija tal-film.
L-esperti jirrakkomandaw li għall-finijiet ta’ regolamenti għandha issir distinzjoni bejn permessi ta’ gbid ta’ films f’żoni sensittivi u żoni insensittivi. L-esperti jipproponu li b’rabta ma’ ġbid ta’ films f’żoni sensittivi:
1) Il-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp (id-DCC) li bir-riforma tal-MEPA issir il-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp u l-Ambjent (EPC) għandha tkun il-bord li jieħu d-deċiżjonijiet u mhux d-Direttur tal-Ippjanar.
2) Minħabba li l-industrija tal-film hija ta’ benefiċċju għall-ekonomija Maltija, id-deċiżjoni dwar permess għall-ġbid ta’ films f’żoni sensittivi għandha tittieħed fi żmien relattivament qasir. Huwa propost li deċiżjoni mill-EPC tittieħed fi żmien ħamest ijiem minn meta l-Kummissjoni tirċievi d-Development Permission Application Report (DPAR) li jkun tħejja mid-direttorat li jkun approva l-applikazzjoni.
3) F’każ ta’ permess għall-ġbid ta’ films f’żoni sensittivi, l-applikazzjoni trid tkun approvata uffiċjalment u bil-kitba mid-Direttur tal-Ippjanar u mid-Direttur għall-Protezzjoni tal-Ambjent.
4) Il-MEPA għandha tħejji lista’ ta’ postijiet ikkunsidrati sensittivi u tagħmel mappa tagħhom biex meta ssir applikazzjoni għall-żvilupp fihom, il-Case Officer u l-EPC jkunu jistgħu jidentifikaw immedjatament l-fatt li l-applikazzjoni hija għal attività f’żona sensittiva. Din il-lista għandha tintbagħat lill-għaqdiet ambjentali, il-Kummissarju tal-Film u l-kumpaniji lokali għall-produzzjoni tal-film.
5) Il-kumpanija lokali tal-film trid tappunta rappreżentant li jkollu r-rwol li jassigura li fil-preparazzjoni, matul il-ġbid tal-film u wara li jiżżarma l-apparat mill-post, jiġu segwiti l-kundizzjonijiet tal-permess. Meta jkun hemm dubju fuq l-interpretazzjoni ta’ xi parti mill-permess, dan ir-rappreżentant għandu jadotta l-prinċipju tal-prekawzjoni (precautionary principle) u għalhekk iwaqqaf x-xogħol sakemm ikollu kjarifikazzjoni ta’ dik il-parti tal-permess mill-MEPA. Din l-interpretazzjoni trid tingħata fi żmien jumejn, miċ-Chairman ta’ EPC (li bir-riforma tal-MEPA se jkun impjegat fuq bażi full-time) li jkun ħareġ il-permess, u fin-nuqqas tiegħu minn membru tal-Kummissjoni.
6) Minbarra r-rappreżentant magħżul, anke s-Sezzjoni tal-Infurzar fil-MEPA għandha twettaq spezzjonijiet tal-post, f’intervalli regolari sew meta l-iżvilupp qed iseħħ, kif ukoll waqt il-ġbid tal-film, u meta jkun qed jiżżarma s-set. L-ispejjeż tal-ispezzjoni għandhom jibqgħu jiġu mħallsa mill-applikant.
7) Għandu jiġi mpost bond b’valur li jirrifletti s-sinifikat kulturali u naturali tas-sit. Il-filming f’siti sensittivi bħal siti ta’ Natura 2000, siti ta’ konservazzjoni urbani (UCAs) u propjetà skedata għandu jkun akkumpanjat minn ammonti li jirriflettu s-sensittività tal-post u li jkun deċiż skont iċ-ċirkostanzi tal-każ.
8) Il-MEPA għandha tistabbilixxi minn qabel il-valuri ta’ bond skont kategoriji differenti li jiġu identifikati biex jiddefinixu s-sensittività tal-post u tal-ambjent tas-sit. Din l-informazzjoni għandha tingħata lill-għaqdiet ambjentali, il-Kummissarju tal-Film u l-kumpaniji lokali tal-produzzjoni tal-film. Alternattiva oħra hija li l-MEPA tagħti permess lill-Kummissarju tal-Film biex isiru films f’żoni identifikati minn qabel, bil-Kummissarju jagħti l-konċessjoni tiegħu lill-kumpanniji lokali tal-film li jiġbdu xeni f’dawn is-siti li jkunu ġew identifikati minn qabel. Ikun meħtieġ li l-MEPA tikkonsulta mal-Kummissarju tal-Film u l-għaqdiet ambjentali biex issir data sheet għal kull sit. Din tkun tinkludi l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ta’ kull sit. B’kollox hawn madwar tnax-il sit li huma spiss użati għall-ġbid ta’ films u għalhekk huwa possibli li jsir dan l-eżerċizzju. B’din il-proċedura, il-produttur ta’ film jitlob l-approvazzjoni tal-Kummissarju tal-Film biex jekk il-ġbid ta’ film ikun fil-limiti tal-kundizzjonijiet stabbiliti, ma jkollux għalfejn japplika għal permess mal-MEPA. Dan huwa proċess li jservi biex ikun hemm one stop shop u allura jitnaqqsu l-ispejjeż u d-dewmien filwaqt li tiżdied l-effiċjenza.
F’każ ta’ ġbid ta’ films f’żoni insensittivi l-esperti jipproponu li l-MEPA tibqa’ tħaddan il-proċedura eżistenti li l-permess jinħareġ mid-Direttur tal-Ippjannar u meta ma jaqbilx mal-applikazzjoni, għandu jirrifjuta l-permess. Jipproponu, però, li qabel jinħareġ il-permess, għandu jikkonsulta mad-Direttur għall-Protezzjoni tal-Ambjent u jieħu parir mingħand il-Kumitat Konsultattiv tal-Wirt Storiku. Jekk xi parti minn dawn konsultati, ma taqbilx li għandu jinħareġ il-permess, l-applikazzjoni għandha tintbagħat għand l-EPC biex tiġi deċiża minnha. Bħal fil-każ ta’ żoni sensittivi, għandha ssir garanzija mill-applikant għall-permess biex jiġbed il-film, bil-valur ivarja skont is-sit u skont iċ-ċirkostanzi tal-każ.
L-esperti jipproponu li jiddaħlu kundizzjonijiet ġodda f’permessi ta’ żvilupp relatat mal-ġbid ta’ films li jitolbu li l-kumpannija ta’ film (l-applikant) tibda tipprovdi:
· spjegazzjoni tas-sistema li se titħaddem f’każ li jkun se jsir tibdil fil-livell tal-wiċċ tas-sit li jkun f’żona ambjentali sensittiva.
· skeda tal-ġbid tal-film u f’kaz ta’xi bidliet li jsiru wara, jiġu approvati mil-EPC
· rapport lid-Direttur u d-Direttorat tal-Infurzar dwar ħsarat ambjentali kkaġġunati fil-fażi tal-preparamenti ta’ film, waqt il-ġbid ta’ xeni u fiż-żarmar. Dan ir-rapport għandu jasal għand id-Direttorat mhux aktar tard minn ġurnata minn meta ssir l-ħsara ambjentali. Id-direttur jkollu r-rwol li jagħti direzzjoni, skont l-gravità tal-każ, fuq l-azzjonijiet ta’ rimedju li għandu jieħu l-applikant u ż-żmien li fih iridu jsiru dawn l-azzjonijiet.
· id-dettalji ta’ rappreżentant maħtur mill-kumpanija tal-film biex jissorvelja l-proċess u jara li kollox issir skont il-permess
· it-tqegħid ta’ sinjali approvati mill-MEPA li jinfurmaw lill-pubbliku li fiż-żona qed isir l-ġbid ta’ films, u
· jidentifika l-attività marbuta mal-ġbid ta’ films li normlament ma ssirx fi żvilupp ieħor bħal użu ta’ silġ artifiċjali, xeni ta’ ikkraxxjar, użu ta’ helicopters, u ajruplani, kif ukoll ta’ pjanti u annimali li normalment ma nsibux f’pajjiżna u ffilmjar fil-baħar.
L-esperti jirrikonoxxu li l-Gvern waħdu ma jistax jissorvelja l-attività kollha marbuta mal-ambjent. Għalhekk ir-rapport jagħmel proposti favur aktar koordinazzjoni bejn il-MEPA u l-għaqdiet volontarji li jaħdmu favur l-ambjent. Jipproponi li l-MEPA għandu jkollha uffiċjal li l-għaqdiet ambjentali jkunu jistgħu jikkuntatjaw meta jkunu infurmati b’xi ksur ta’ regolamenti. Dan għalhekk iservi biex l-għaqdiet ambjentali jikkumplimentaw il-ħidma ta’ infurzar mill-MEPA u b’hekk jiġu ssalvagwardjati aħjar ir-riżorsi naturali u l-patrimonju tagħna. Iżda biex dan iseħħ, jeħtieġ li s-settur volontarju ambjentali jkun organizzat. Għal dan il-għan, l-esperti jipproponu li tiġi ppreżentata liġi fil-Parlament, li tirregola l-għaqdiet ambjentali li jaħdmu fuq bażi volontarja. Din il-liġi tkun tirrikonoxxi l-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet bil-funzjonijiet prinċipali jkunu:
· il-promozzjoni u t-tqassim ta’ informazzjoni dwar l-ambjent, b’referenza partikolari għal-liġijiet marbuta mal-ambjent
· il-monitoraġġ u l-infurzar f’każ ta’ ksur ta’ proviżjonijiet tal-liġi ambjentali
· il-ħidma kif assenjata mill-MEPA
· il-ħidma f’każ ta’ emerġenza jew diżastru ambjentali
Ir-rapport jipproponi li l-MEPA tikkonsulta l-Ministeru ta’ Għawdex fir-rigward ta’ permessi għal żvilupp f’żona ta’ Natura 2000 li jinsabu f’Għawdex u Kemmuna. Filwaqt li Malta għandha sal-2014 biex tħejji pjan għall-immaniġġjar tad-Dwejra, il-bord jipproponi li jkun għaqli li l-pjan jitħejja qabel u minflok isir sal-2012. Jipproponi wkoll li tiżdied il-garanzija bankarja għall-attività ta’ ġbid ta’ films f’żoni ambjentali sensittivi filwaqt li jkun aċċertat li l-polza ta’ assigurazzjoni (insurance) li tagħmel l-kumpanija, tkun tinkludi l-ħlas ta’ spejjeż għal ħsarat ambjentali. L-esperti jgħidu wkoll li l-MEPA għandha tistabbilixxi miżuri bbażati fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni f’siti ta’ Natura 2000 u f’propjetà skedata.
L-esperti jipproponu wkoll li jitwaqqaf Film Shooting Board li fost l-oħrajn jkollu l-funzjoni li janalizza r-rapport imħejji minnu ħalli mbagħad jiġi implimentat mill-Gvern u l-MEPA, japprova kundizzjonijiet ġenerali li għandhom jiddaħħlu f’permessi għall-ġbid ta’ films u jieħu miżuri li jaċċertaw li l-għaqdiet ambjentali jkollhom l-għodda u t-taħriġ meħtieġ biex jipparteċipaw b’mod aktar wiesa’ fil-proċess ta’ monitoraġġ u infurzar.
Ir-rapport jipproponi wkoll li jsiru emendi fl-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinkludu artikoli li jgħidu li persuni li jkollhom track record ta’ ksur ta’ regolamenti b’rabta ma’ żvilupp jew ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ permess għall-iżvilupp, ma jinħarġulhomx aktar permessi għall-iżvilupp.
L-esperti jagħmlu ukoll rakkomodazzjonijiet għat-titjib ta’ rimedju legali. Fost l-oħrajn jirrakommandaw li l-kundizzjoni li tistipula li fil-każ ta’ ksur ta’ kundizzjoni tal-permess tinżamm il-garanzija bankarja li tkun iddepożitat l-kumpanija tal-film, tiġi estiża biex tinkludi wkoll fiha serje ta’ passi legali li jistgħu jittieħdu biex jaċċertaw l-infurzar tar-regolamenti.
Ir-rapport jikkonkludi li jekk jiġi stabbilit li saret ħsara ambjentali fid-Dwejra, l-MEPA tkun f’pożizzjoni li tieħu passi legali kontra l-kumpannija Pellikola Ltd. Dan skont l-Avviż Legali 126 tal-2008 u permezz tal-faċilità legali li wieħed jista’ jieħu passi għal rimedju ta’ ħsara ambjentali minbarra l-azzjonijiet ċivili u kriminali.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco irringrazzja lill-Prof. Kevin Aquilina u lid-Dr. Simone Borg għax-xogħol tagħhom. Huwa qal li l-Gvern jaqbel mal-konklużjonijiet li fih ir-rapport. Ir-rapport issa qiegħed jiġi mgħoddi formalment lill-MEPA sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti li hemm fir-rapport.
No comments:
Post a Comment