Tuesday, November 17, 2009

06th November, 2009 No. 1939 Press Releases
Is-Seminar EkoSkola 2009-2010 f’Għawdex
Żewġ skejjel primarji li jagħmlu parti mill-kulleġġ ta’ Għawdex, ġew ippremjati wara li pparteċipaw fil-programm EkoSkola. Dan tħabbar waqt l-inawgurazzjoni ta’ seminar li sar f’Għawdex mis-socjeta’ Nature Trust (Malta), li huma l-koordinaturi u promoturi tal-programm EkoSkola f’pajjiżna.
L-iskola Primarja tax-Xewkija ġiet ippremjata bil-Green Flag biex b’hekk hi t-tieni skola f’Għawdex li rebħet dan l-unur, wara li s-sena l-oħra dan l-unur ingħata lill-iskola Primarja tax-Xagħra. Il-midalja tal-fidda għal din is-sena ġiet mirbuħa mill-Iskola Primarja tan-Nadur.
EkoSkola huwa programm internazzjonali li hu mmexxi mill-Foundation for Environmental Education u jiffoka fuq it-tmexxija ambjentali. Nature Trust (Malta) introduċiet dan il-programm f’Malta fis-sena skolastika 2002-2003 f’sitt skejjel f’Malta. Preżentement hemm mitt skola jew 61% tal-iskejjel f’Malta u Għawdex li qed jipparteċipaw fil-programm EkoSkola.
L-għanijiet ta’ dan il-programm huma dawk li joffru opportunità biex studenti żgħar jibdew jaddottaw rwoli parteċipattivi fid-deċiżjonijiet ambjentali u jkunu attivi f’dan ir-rigward, kemm fl-iskejjel kif ukoll fil-komunità. Fi sfera internazzjonali dan il-programm ġie addottat f’47 pajjiż. Din id-dimensjoni tagħti timbru uniku u prestiġjuż lil dawk l-iskejjel li jilħqu livell għoli f’dan il-qasam u jiġu ppremjati bil-Green Flag.
Dan jgħodd b’mod partikolari f’din is-sena li rat u li għad trid tara diskussjonijiet intensivi dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent tagħna u l-isfida globali tal-bdil fil-klima.
Is-seminar f’Għawdex ġie inawgurat mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex u mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said. Preżenti wkoll kien hemm il-Membru Parlamentari ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Justyne Caruana u s-Sindku tax-Xewkija, Dr Monica Vella, flimkien mal-President ta’ Nature Trust (Malta), is-Sur Vincent Attard u l-Koordinatur tal-programm EkoSkola, Dr Paul Pace.
Meta ndirizzat lil dawk preżenti, il-Ministru għal Għawdex esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-parteċipazzjoni attiva mill-iskejjel Għawdxin f’EkoSkola. Filwaqt li ferħet lill-iskejjel li ġew ippremjati f’din l-okkażjoni fakkret ukoll li numru ieħor ta’ skejjel Għawdxin huma mpenjati fl-istess programm bir-riżultat li minn età żgħira, dawn l-istudenti qed jiġu esposti għal edukazzjoni ambjentali formattiva, li għandha wkoll potenzjal qawwi li tinxtered fil-bqija tal-komunità.
Il-Ministru Giovanna Debono fissret li dak li jitgħallmu t-tfal permezz tal-programm huwa bażikament relatat mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli li huwa l-qafas tal-viżjoni eko-Għawdex. “Dan juri li l-aspirazzjonijiet li għandna fir-rigward ta’ Eko-Għawdex mhumiex biss viżjoni imma huma għan ambizzjuż li bil-koperazzjoni u l-ħidma ta’ kulħadd, isir proġett komuni li jiggarantixxi futur aħjar għal gżira u dawk kollha li jgħixu fiha,” temmet l-intervent tagħha l-Ministru Debono.
Tkellem ukoll l-Onor. Chris Said li qal li "l-EkoSkola, permezz tal-ħidma imprezzabbli ta’ Nature Trust, hija wirja tanġibbli ta’ l-impenn ta’ pajjiżna fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ambjentali. Jekk tgħaqqad dan ix-xogħol fl-iskejjel ma’ l-impenn tal-Gvern, tal-Kunsilli Lokali u ta’ l-għaqdiet non-governattivi biex jitwassal il-messaġġ favur l-iżvilupp sostenibbli fil-lokalitajiet tagħna u fid-djar tagħna, allura m’huwiex diffiċli biex verament inħossu titjib sostanzjali fil-mod ta’ kif bħala poplu, sirna nħarsu lejn ir-riżorsi tagħna u lejn l-ambjent in ġenerali. Jeħtieġ li jkun hemm relazzjoni aqwa bejn l-edukaturi tagħna, is-settur privat, il-Kunsilli Lokali u l-Gvern, sabiex il-messaġġi dwar l-użu tajjeb tar-riżorsi tagħna, il-kunsiderazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri u l-kuxjenza dwar l-iżvilupp sostenibbli jkun ċar u kredibbli."
Dr Chris Said żied jgħid li l-iskejjel li jiġu ppremjati bil-Green Flag huma ambaxxaturi tal-edukazzjoni ambjentali fis-soċjetà tagħna u, f’ħafna aspetti, huma wkoll il-pinnur li jiddetta l-valuri ambjentali ta’ pajjiżna.
Is-Sur Vince Attard qal li din is-sena, ħdax-il skola f’Malta u Għawdex ser jingħataw il-Green Flag filwaqt li Nature Trust (Malta) qiegħda taħseb biex tintroduċi programmi ġodda li jippromwovu edukazzjoni u aktar tagħlim permezz ta’ azzjoni.
DOI 06.11.2009

No comments:

Post a Comment